Nil

In-Nil hija xmara ewlenija bi fluss lejn it-Tramuntana fil-Grigal tal-Afrika li tbattal fil-Baħar Mediterran. Ix-xmara hija twila 7,088 kilometru (4,404 mili) u b'hekk hija l-itwal xmara fid-dinja, għalkemm il-volum tal-ilma tagħha huwa ferm iżgħar minn xmajjar ewlenin oħra bħall-Amazzonja jew il-Kongo. Ix-xmara Nil kellha rwol ċentrali fl-istorja ambjentali, ekonomika u kulturali tal-Afrika għal millenji.
Ix-xmara Nil għandha żewġ tributarji ewlenin: in-Nil Abjad u n-Nil Blu. In-Nil Abjad bħala tributarja hija itwal u titqies bħala s-sors, għalkemm in-Nil Blu bħala tributarja tikkontribwixxi iktar mid-doppju tal-volum tan-Nil Abjad. It-tributarja tan-Nil Abjad tibda qrib il-Lag ta' Victoria u tnixxi mill-Uganda u mis-Sudan t'Isfel; filwaqt li t-tributarja tan-Nil Blu tibda qrib il-Lag ta' Tana fl-Etjopja u tnixxi fis-Sudan mix-Xlokk. Iż-żewġ tributarji jiltaqgħu fil-belt kapitali Sudaniża ta' Khartoum. Minn hemmhekk, ix-xmara Nil tnixxi lejn it-Tramuntana mid-Deżert Nubjan sal-belt kapitali Eġizzjana, il-Kajr, u finalment tbattal fil-Baħar Mediterran qrib Lixandra, fejn iffurmat delta kbira.
Ġeoloġikament, ix-xmara Nil hija xmara żagħżugħa u ilha ssegwi l-mogħdija attwali tagħha għal madwar 15,000 sena. Il-baċir tad-drenaġġ tagħha huwa estiż fuq 11-il pajjiż. Il-biċċa l-kbira tal-ilma fin-Nil jiġi mill-ilma tax-xita fil-pajjiżi iktar 'l isfel bħall-Etjopja, il-Kenja, it-Tanzanija u l-Uganda. Il-pajjiżi iktar 'il fuq bħall-Eġittu, is-Sudan u s-Sudan t'Isfel huma primarjament deżert, u jużaw l-ilma tax-xmara għall-irrigazzjoni. Pajjiżi oħra li fihom hemm il-baċir tax-xmara Nil b'mod sħiħ jew parzjali huma l-Burundi, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Eritrea u r-Rwanda.
Ix-xmara Nil kienet il-pedament taċ-ċivilizzazzjoni Eġizzjan tal-Qedem, li ddependiet fuq ix-xmara għal kważi kull aspett tal-ħajja. L-għargħar annwali tax-xmara ddepożitat sedimenti rikki bin-nutrjienti tul ix-xtut tax-xmara. Din il-ħamrija appoġġat l-għelejjel li ppermettew it-tkattir ta' soċjetà sofistikata f'deżert li kieku kien inospitabbli. Ix-xmara Nil iffaċilitat il-kummerċ, il-komunikazzjoni, it-trasport u l-governanza. Fin-Nofsinhar tat-tieni kataratta tan-Nil kienet tinsab Nubja, in-nieqa storika tal-kultura ta' Kerma tal-qedem u tal-Imperu Kuxit. Bosta Ewropej kienu affaxxinati bin-Nil, u l-esplorazzjonijiet tagħhom madwar il-Lag ta' Victoria fl-aħħar tas-seklu 19 wasslu biex jinstab is-sors tax-xmara. Fost il-kulturi li jgħixu tul in-Nil fl-era moderna hemm il-popli Nilotiċi, li huma rgħajja seminomadiċi li jrabbu l-bhejjem u li jipprattika l-pastoraliżmu nomadiku, jiġifieri jċaqilqu l-bhejjem tagħhom staġonalment skont l-għargħar tan-Nil.
Fl-era moderna, ix-xmara Nil taqdi rwol kritiku fl-ekonomiji tal-Eġittu u tas-Sudan, li jiddependu fuqha għall-irrigazzjoni tar-raba' estensiv bl-għelejjel. Mill-aħħar tas-seklu 20, inbnew iktar minn tużżana digi fil-baċir tan-Nil biex jipprovdu għall-irrigazzjoni u għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Id-digi biddlu ċ-ċiklu tal-għargħar annwali tax-xmara u rrestrinġew it-trasport tas-sedimenti iktar 'il fuq tul il-fluss tax-xmara, għaldaqstant wasslu biex id-delta tan-Nil tiċkien. Xi digi – bħad-Diga l-Għolja ta' Aswan u d-Diga l-Kbira tar-Rinaxximent Etjopjan – wasslu għal tilwim politiku internazzjonali dwar l-iskarsezza tal-ilma, is-sikurezza, is-sigurtà tal-ikel u l-ispostament sfurzat tan-nies.
Ismijiet u etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Isem ix-xmara "Nil" jew "xmara" bil-ġeroglifiċi Eġizzjani jiġi hekk:[1]
Il-kelma bil-Malti "Nil" ġejja mil-Latin Nilus u mill-Grieg Antik Νεῖλος (Neilos), li x'aktarx oriġinat mit-terminu Semitiku naḥal, jiġifieri "xmara".[2]
Bil-lingwa tal-Eġittu tal-qedem, l-istess kelma kienet tintuża biex tfisser "Nil" u "xmara" bl-għerq jtrw.[3] L-Eġizzjani kienu jsejħu lil pajjiżhom bl-għerq kmt jiġifieri "iswed", b'referenza għal-lewn skur tal-ilmijiet tal-għargħar tan-Nil meta jġorru s-sedimenti mill-fluss ta' fuq tax-xmara.[4] L-isem "Nil Blu" jew "Nil Iżraq" huwa traduzzjoni tal-isem bl-Għarbi Al-Baḥr Al-Azraq.
Fl-era moderna, ix-xmara għandha diversi ismijiet fi ħdan il-baċir tan-Nil. Fl-Eġittu tissejjaħ Al-Nīl, Baḥr Al-Nīl jew Nahr Al-Nīl.[5] Fis-Sudan t'Isfel, xi kultant tissejjaħ bl-Għarbi Baḥr el-Jebel, بحر الجبل, li litteralment tfisser "Xmara tal-Muntanji".[6] Fl-Uganda, il-kelliema ta' Luganda jużaw l-isem Kiyira.[7] Xi nies Nubjani tal-Eġittu u tas-Sudan jużaw l-isem Nobi Áman Dawū ("Ilma Kbir").[8]
Diversi tributarji (xmajjar iżgħar li jingħaqdu fix-xmara Nil) u segmenti tax-xmara jinkorporaw il-kelma "Nil" f'isimhom, fosthom:
- in-Nil ta' Albert – segment tan-Nil Abjad bi fluss lejn it-Tramuntana mil-Lag ta' Albert sa Nimule;
- in-Nil Iswed – isem ieħor tax-xmara Atbarah;
- in-Nil Blu – waħda miż-żewġ tributarji ewlenin tan-Nil;
- in-Nil ta' Kyoga – segment tan-Nil Abjad mil-Lag ta' Kyoga sal-Lag ta' Albert;
- in-Nil prinċipali – segment tan-Nil 'l isfel mill-konfluwenza tan-Nil Blu u tan-Nil Abjad;
- in-Nil tal-Muntanji – segment tan-Nil Abjad mill-muntanji tal-Uganda sal-pjanuri tas-Sudan t'Isfel;
- in-Nil ta' Victoria – segment tan-Nil Abjad mil-Lag ta' Victoria sal-Lag ta' Kyoga;
- in-Nil Abjad – waħda miż-żewġ tributarji ewlenin tan-Nil;
- in-Nil Isfar – jew Wadi Howar, fdal ta' tributarja tal-qedem li nixfet diversi eluf ta' snin ilu.
Sorsi
[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sors tan-Nil huwa tributarja tax-xmara Rukarara fil-Park Nazzjonali ta' Nyungwe, ir-Rwanda, f'2°19′35″S 29°21′30″E, f'elevazzjoni ta' 2,539 metru (8,330 pied). Is-sors huwa definit bħala l-punt tat-tluq tal-itwal mogħdija tal-ilma s-sena kollha fil-baċir tad-drenaġġ tan-Nil. Minn dan is-sors, ix-xmara tnixxi għal 7,088 kilometru (4,404 mili) sal-ħalq tagħha fil-Baħar Mediterran. Id-distanza ġiet imkejla fl-2009 tul il-linja taċ-ċentru tax-xmara bl-użu tal-immaġnijiet satellitari.
L-ogħla sorsi tan-Nil jinsabu max-xaqlibiet tal-Muntanji ta' Rwenzori fl-Uganda. Il-Muntanji tal-Qamar leġġendarji, deskritti mill-astronomu Grieg Tolomew, ġew assoċjati mal-Muntanji ta' Rwenzori.
L-iżjed sors fin-Nofsinhar tan-Nil jinsab fil-Burundi f'wieħed mis-sorsi tax-xmara Ruvyironza, li tbattal fix-xmara Kagera. Fil-qrib ittella' monument fl-1937 minn Burkhart Waldecker ħdejn ir-raħal ta' Rutovu, qrib il-Muntanja Kikizi.
Il-Lag ta' Victoria – kondiviż mit-Tanzanija, mill-Uganda u mill-Kenja – xi kultant jiġi deskritt informalment bħala s-sors, peress li jbattal fin-Nil Abjad mill-fluss 'il barra tiegħu f'Jinja, l-Uganda. Madankollu, uħud issuġġerew li s-sors ġenwin tan-Nil huma s-sħab tax-xita li spiss jinsab fuq il-Lag ta' Victoria, minħabba li jikkontribwixxu għall-maġġoranza l-kbira tal-ilma tax-xmara.
Is-sors tat-tributarja tan-Nil Blu jinsab qrib ir-raħal ta' Gish Abay, fin-Nofsinhar tal-Lag ta' Tana.

Ix-xmara Nil hija xmara ewlenija fil-Grigal tal-Afrika li tnixxi fil-Baħar Mediterran. Il-baċir tax-xmara Nil huwa magħmul kollu minn art bi drenaġġ fin-Nil, u jkopri erja ta' 2,927,843 km2 – madwar 10 % tal-kontinent Afrikan (ara l-mappa fuq il-lemin). Ħdax-il pajjiż jinsabu kollha jew parzjalment fi ħdan il-baċir tax-xmara: il-Burundi, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Eġittu, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Kenja, ir-Rwanda, is-Sudan t'Isfel, is-Sudan, it-Tanzanija u l-Uganda. Il-baċir tax-xmara jkopri varjetà wiesgħa ta' klimi, ekosistemi u topografiji – li jvarjaw minn deżerti aridi u bir-ramel fit-Tramuntana, għal artijiet mistagħdra ċatti u bassasa fin-nofs, għal muntanji bil-foresti u bix-xita fin-Nofsinhar.
Il-baċir tax-xmara jista' jinqasam f'seba' reġjuni; ħamsa minn dawn ir-reġjuni jirrappreżentaw l-itwal mogħdija tan-Nil. F'ordni minn isfel għal fuq tul il-fluss tan-Nil, dawn il-ħames reġjuni huma: il-Lagi Kbar Afrikani, in-Nil tal-Muntanji, in-Nil Abjad, in-Nil prinċipali u d-Delta tan-Nil. Żewġ reġjuni addizzjonali jirrappreżentaw tributarji ewlenin: in-Nil Blu u x-xmara Atbarah.
Reġjun tal-Lagi Kbar Afrikani
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-reġjun tal-Lagi Kbar Afrikani fih is-sors tan-Nil kif ukoll diversi lagi kbar li jagħmlu parti mis-sistema tax-xmara Nil: il-Lag ta' Victoria, il-Lag ta' Albert, il-Lag ta' Ġorġ u l-Lag ta' Dwardu. Is-sors tan-Nil huwa x-xmara Rukarara fi ħdan il-Park Nazzjonali ta' Nyungwe fir-Rwanda, u din tagħti għax-xmara Kagera bi drenaġġ fil-Lag ta' Victoria. Għalkemm dan il-lag huwa lag kbir – it-tieni l-ikbar lag tal-ilma ħelu fid-dinja – il-Lag ta' Victoria huwa relattivament baxx, b'fond medju ta' 40 metru (130 pied). Ix-xmara Nil tissejjaħ għall-ewwel darba bħala "Nil" fejn il-Lag ta' Victoria jitbattal fin-naħa tat-Tramuntana tagħha: il-medda minn hemmhekk sal-Lag ta' Albert tissejjaħ in-Nil ta' Victoria. Par kaskati – il-Kaskati ta' Ripon u l-Kaskati ta' Owen – kienu jinsabu fejn ix-xmara Nil toħroġ mil-Lag ta' Victoria, iżda t-tnejn li huma għebu bil-kostruzzjoni tad-Diga ta' Nalubaale. Wara l-Kaskati ta' Bujagali u l-Impjant tal-Enerġija ta' Bujagali, in-Nil ta' Victoria jitbattal fil-Lag ta' Kyoga. Wara li toħroġ mil-Lag ta' Kyoga, ix-xmara tingħaqadf mit-tributarja tax-xmara Kafu, imbagħad tgħaddi fuq il-Kaskati ta' Murchison u tnixxi fil-Lag ta' Albert. Għad-differenza tal-Lag ta' Victoria, il-Lag ta' Albert huwa lag fond imdawwar bil-muntanji. Ix-xmara toħroġ mil-Lag ta' Albert fix-xatt tat-Tramuntana, fejn tissejjaħ in-Nil ta' Albert; din il-medda tax-xmara hija relattivament ċatta u wiesgħa, u hija adattata għan-navigazzjoni bid-dgħajjes imħaddma bl-istim.
Nil tal-Muntanji
[immodifika | immodifika s-sors]
It-tieni reġjun tal-baċir tan-Nil, iktar 'il fuq tul il-fluss tax-xmara, huwa n-Nil tal-Muntanji (bl-Għarbi: Bahr al Jabal). Dan ir-reġjun jibda qrib ir-raħal ta' Nimule, jibqa' sejjer sal-Lag ta' No, u jinsab għalkollox fi ħdan is-Sudan t'Isfel. Wara li tgħaddi minn qalb Nimule, ix-xmara tgħaddi mill-Kaskati Rapidi ta' Fula u tibqa' sejra lejn Juba – il-belt kapitali tas-Sudan t'Isfel. Wara Juba, ix-xmara Nil tgħaddi mir-raħal ta' Bor, u mbagħad tidħol fis-Sudd, art bassasa kbira li tinsab fi pjanura ċatta. Il-pendil tal-art fis-Sudd hu ta' 1:13,000 biss 'il fuq, għaldaqstant il-fluss tax-xmara jbatti u jitwessa'. Il-veġetazzjoni folta, inkluż is-simar, il-papir u wardet in-Nil (speċi invażiva) toħnoq il-mogħdijiet tal-ilma u b'hekk in-navigazzjoni ssir diffiċli. Fit-tarf tat-Tramuntana tal-art bassasa tas-Sudd, ix-xmara Nil tgħaddi mil-Lag ta' No, lag żgħir fejn ix-xmara Nil tingħaqad mix-xmara Bahr el Ghazal (li bl-Għarbi tfisser litteralment "xmara tal-għażżiela") – tributarja mill-Punent.
Tributarja ewlenija fir-reġjun tan-Nil tal-Muntanji hija x-xmara Bahr el Ghazal li tasal mill-Punent tas-Sudan u tingħaqad man-Nil Abjad fil-Lag ta' No. Il-baċir tad-drenaġġ tax-xmara Bahr el Ghazal huwa kbir – madwar 860,000 kilometru kwadru – u jirċievi ammont relattivament kbir ta' xita, iżda l-kontribut tiegħu lix-xmara Nil huwa żgħir meta mqabbel ma' tributarji oħra. Il-baċir tagħha jinkludi l-Lag ta' Kundi u l-Lag ta' Keilak. Ix-xmara Bahr el Ghazal tgħaddi mill-belt ta' Wau, is-Sudan t'Isfel: din hija nixxiegħa permanenti fil-Lvant ta' Wau, iżda nixxiegħa staġonali fil-Punent.
Reġjun tan-Nil Abjad
[immodifika | immodifika s-sors]Iktar 'il fuq tul il-fluss tax-xmara, it-tielet reġjun tal-baċir tax-xmara Nil huwa r-reġjun tan-Nil Abjad li jinkludi medda ta' 800 kilometru (500 mil) ta' xmara minn qrib Malakal sa Khartoum, il-belt kapitali tas-Sudan. Hemmhekk ix-xmara tingħaqad min-Nil Blu. Din il-parti tax-xmara hija nixxiegħa wiesgħa u kalma b'diversi artijiet bassasa mifruqin maż-żewġt ixtut. Hawnhekk ix-xmara hija baxxa u ġġarrab telf sinifikanti ta' ilma minħabba l-evaporazzjoni.
Fejn in-Nil Abjad jingħaqad man-Nil Blu, wieħed jista' jinnota l-ilwien distinti. In-Nil Abjad għandu sfumatura iktar tgħajjat minħabba li fost is-sedimenti li ġġorr hemm ammont sinifikanti ta' kwarz u ta' feldspar. Dan joħloq kuntrast man-Nil Blu li jġorr sedimenti tat-tafal skuri li joriġinaw mill-blat bażaltiku tal-Etjopja.
Ix-xmara Sobat hija tributarja li tingħaqad man-Nil Abjad qrib ir-raħal ta' Malakal (wara l-konfluwenza tax-xmara Bahr el Ghazal, qabel in-Nil Blu). Il-baċir tagħha – li jinkludi l-Imraġ ta' Machar – ikopri madwar 225,000 kilometru kwadru. L-għargħar tax-xmara Sobat iseħħu bejn Lulju u Diċembru.
Nil prinċipali
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-raba' reġjun tal-baċir tan-Nil – in-Nil prinċipali – huwa estiż minn Khartoum sal-Kajr, il-belt kapitali tal-Eġittu. Din il-medda għandha wisa' u fond relattivament uniformi: wiesgħa madwar 500 metru (1,600 pied) u fonda 10 metri (33 pied) fl-iżjed punt fond tagħha (meta ma jkunx hemm għargħar). Ftit wara li toħroġ minn Khartoum, ix-xmara tidħol fir-Riżerva Naturali ta' Sabaloka u tgħaddi minn kaskati rapidi kbar u qawwijin li mhumiex navigabbli bid-dgħajsa. Din il-medda hija s-sitt (u l-iżjed waħda 'l fuq tul il-fluss tax-xmara) tas-sitt kataratti tax-xmara Nil. Ix-xmara Atbarah – tributarja ewlenija – tingħaqad man-Nil, li mbagħad issegwi lilwa kbira b'għamla tal-ittra S lejn il-Punent. F'din il-lilwa kbira hemm erba' kataratti oħra (nri. 5, 4, 3 u 2), u b'hekk ix-xmara mhix navigabbli f'dan il-punt; għalkemm xi vapuri jistgħu jbaħħru f'ċerti meded kalmi bejn il-kataratti. Imbagħad ix-xmara tidħol f'ġibjun: il-Lag ta' Nasser. Dan il-lag – it-tieni l-ikbar lag magħmul mill-bniedem – ġie ffurmat meta nbniet id-Diga Għolja ta' Aswan fl-Eġittu, u tfawwar iktar minn 480 kilometru (300 mil) tan-Nil. Id-Diga Baxxa ta' Aswan – iktar antika u iżgħar mid-Diga Għolja ta' Aswan – tinsab taħt id-Diga Għolja ta' Aswan, qrib il-post fejn tinsab l-ewwel kataratta tan-Nil (issa taħt l-ilma). Minn dawn id-digi, ix-xmara Nil tnixxi għal madwar 800 kilometru (500 mil) ġo promontorju tal-ġebla tal-ġir, ikkonfinat b'ammonti kbar ta' raba' agrikolu irrigat, sa ma tasal il-Kajr.
Delta tan-Nil
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ħames u l-aħħar reġjun fi ħdan ix-xmara Nil huwa d-Delta tan-Nil, delta triangolari kbira (madwar 22,000 km2) estiża mill-Kajr sal-Baħar Mediterran. Ix-xmara tinqasam f'żewġ fergħat jew kanali ewlenin fi ħdan id-delta: il-fergħa ta' Rosetta u l-fergħa ta' Damietta. Il-volum totali tad-delta (inkluż il-partijiet taħt l-ilma) huwa ta' madwar 150,000 km3. Id-delta nħolqot fuq diversi miljuni ta' snin, wara s-sedimenti li nġemgħu u li ġew ittrasportati tul il-kurrent tax-xmara minn isfel għal fuq. Ladarba tlestiet id-Diga Għolja ta' Aswan fl-1970, id-delta bdiet tiċkien minħabba l-erożjoni mill-kurrenti fil-Baħar Mediterran. Fl-imgħoddi, l-erożjoni kienet ibbilanċjata minn ħamrija ġdida f'forma ta' sedimenti li kienu jinġarru mix-xmara; iżda d-diga taqbad is-sedimenti fil-ġibjun tagħha, u b'hekk il-ħamrija ġdida ma tasal sad-delta.
Nil Blu
[immodifika | immodifika s-sors]
L-itwal mogħdija tan-Nil – li tinkludi t-tributarja tan-Nil Abjad – għandha diversi tributarji oħra. Il-baċiri tad-drenaġġ tan-Nil Blu u tax-xmara Atbarah jirrappreżentaw l-aħħar żewġ reġjuni tal-baċir tan-Nil.
Il-fawwariet tan-Nil Blu mill-għoljiet fl-Etjopja minn fejn joriġinaw bħala nixxiegħa msejħa Abay qrib ir-raħal ta' Gish Abay: Gish hija kelma bil-lingwa Amħarika li tfisser "sors", u Abay huwa isem in-nixxiegħa. Gish Abay tnixxi fil-Lag ta' Tana, lag kbir u baxx, bi fluss uniku 'l barra bl-isem ta' "Nil Blu". Imbagħad ix-xmara tagħmel dawramejt wiesgħa: l-ewwel lejn in-Nofsinhar, imbagħad lejn il-Punent minn ġo fondoq spettakolari fond 2 kilometri (6,600 pied), u mbagħad lejn it-Tramuntana mis-Sudan t'Isfel għas-Sudan, fejn tingħaqad man-Nil Abjad f'Khartoum biex tifforma n-Nil prinċipali. Tul il-mogħdija tagħha, it-tributarja tan-Nil Blu tiġġenera l-elettriku f'diversi impjanti idroelettriċi, fosthom il-proġett idroelettriku ta' Tis Abay fil-Kaskati tan-Nil Blu, id-Diga Kbira tar-Rinaxximent Etjopjan qrib il-fruntiera bejn l-Etjopja u s-Sudan t'Isfel, id-Diga ta' Roseires qrib ir-raħal ta' Ad Damazin, u d-Diga ta' Sennar. Id-daqs tal-baċir tad-drenaġġ tan-Nil Blu huwa ikbar minn 306,000 kilometru kwadru.
Atbarah
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xmara Atbarah hija tributarja tan-Nil li tfeġġ fit-Tramuntana tal-Etjopja, u tingħaqad man-Nil madwar 320 kilometru (200 mil) fit-Tramuntana ta' Khartoum. Il-baċir tad-drenaġġ tagħha jkopri iktar minn 204,000 kilometru kwadru. Ix-xmara Atbarah għandha fluss qawwi matul u wara l-istaġun tal-monsuni fl-Etjopja (fis-sajf u fil-ħarifa), iżda tista' tinxef għalkollox fix-xitwa u fir-rebbiegħa. Minkejja n-natura intermittenti tax-xmara, din tipprovdi iktar minn 10 % tal-fluss annwali totali tan-Nil. Id-digi max-xmara Atbarah jinkludu d-Diga ta' Khashm el-Girba, il-Kumpless tad-Diga tan-Naħa ta' Fuq ta' Atbara u ta' Setit, u d-Diga ta' Tekezé (mat-tributarja tax-xmara Tekezé).
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Gardiner, Alan (1964) [1927]. Egyptian Grammar (3rd ed.). Oxford University Press, pp. 43, 623.
- ↑ "Nile River | Start, Map, Length, Facts, Continent, History, & Location | Britannica" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-06-10.
- ↑ Allen, James P (2000). Middle Egyptian: An Introduction to the Language and Culture of Hieroglyphs. Cambridge University Press. ISBN 0521774837. pp. 21, 101.
- ↑ Allen, James P (2000). Middle Egyptian: An Introduction to the Language and Culture of Hieroglyphs. Cambridge University Press. ISBN 0521774837. pp. 339, 470.
- ↑ Badawi, Mohammad, ed. (2003). Al-Muhit Oxford Study Dictionary: English-Arabic. Academia. ISBN 995330050X. p. 717.
- ↑ Dumont, Henri (2009). "A Description of the Nile Basin, and a Synopsis of Its History, Ecology, Biogeography, Hydrology, and Natural Resources". In Dumont, Henri (ed.). The Nile: Origin, Environments, Limnology and Human Use. Springer Netherlands. pp. 1–22. ISBN 9781402097263. p. 6.
- ↑ Hamilton, Alan (2016). Luganda Dictionary and Grammar. Alan Hamilton. ISBN 9780954149611. p. 66.
- ↑ Murray, G. W. (1923). An English-Nubian Comparative Dictionary. Humphrey Milford, Oxford University Press. p. 8.